Inkunu sensittivi magħna u mal-oħrajn

Norma Camilleri, kandidata tal-PN għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Dan l-artiklu ġie ppublikat fil-gazzetta IL-MUMENT nhar il-31 ta’ Diċembru 2023

Wasalna fl-aħħar ġurnata tas-sena. Min jaf kemm hawn min għamel lista twila ta’ riżoluzzjonijiet! Oħrajn għamlu lista qasira u hemm ukoll min ma jemminx fir-riżoluzzjonijiet, għax jekk jaghmilhom ma jżommhomx. Forsi dawn il- persuni  jaħsbuha hekk għax kultant ikunu iebsin wisq magħhom infushom . Jien personalment inħobb nirrifletti fuq kif kienet is-sena tiegħi. Xi stajt għamilt aħjar? X’kienu dawk il-ġesti li ħallew impatt pożittiv u tajjeb fuq ħaddiehor? X’kienu dawk l-azzjonijiet u deċiżjonijiet li forsi mingħajr ma ntbaħt kellhom impatt negattiv fuq ta’ madwari jew fuq nies li anqas biss għandi kuntatt dirett magħhom, imma li x-xogħol tiegħi jaffettwahom? Kemm ħadt ħsieb tiegħi nnifsi, mhux biss fuq livell fiżiku imma anke fuq livell mentali?

Il-ħajja tant saret mgħaġġla li lanqas nindunaw kif il-jiem jitgerbu u jsiru ġimghat, xhur u snin. Sfortunatament id-dinja li qed ngħixu fiha mhux biss miexja b’pass mgħaġġel, iżda hija ferneżija sħiħa sabiex inkunu l-ewwel u l-aqwa f’kull ma nagħmlu. Is-soċjeta’ li ngħixu fiha ma tgħinx, lanqas l-ogħli tal-ħajja.. Allura x’nagħmlu sabiex inlaħħqu? Naħdmu aktar, fejn għal xoghol wieħed forsi nagħmlu tnejn u hawn min jagħmel anke tlieta, speċjalment jekk il-familja kollha sserraħ fuq l-impjieg ta’ persuna waħda. Riżultat ta’ dan huli l-ħin li koppja tqatta’ flimkien il- u li missier jew omm ipoġġu bilqiegħda jilagħbu mat-tfal jew ikellmuhom dwar l-aspirazzjonijiet u l-ħsibijiet tagħhom jonqos jew jispiċċa.Lanqas jibqa’ ċans iċċempel lill-ġenituri tiegħek jew tiltaqa’ mal-ħbieb tieħu kafe’, aħseb u ara kemm ikollok ċans tmur tagħmel mixja jew tagħmel appuntament mat-tabib ħalli tiċċekkja dwar dak l-uġiegħ li ilek tħoss u li qed tkompli tinjorah.

Forsi qed tgħid li int dan kollu konxju tiegħu, imma m’għandekx għażla oħra għax il-prezzijiet huma li huma, il-bżonnijiet huma kbar, servizzi privati ma tiflaħx tfittixhom allura m’għandekx għażla ħlief li tistenna u l-għajnuna li qed tingħata m’hijiex biżżejjed. Għandek raġun. Hemm ħafna affarijiet li m’għandniex kontroll fuqhom minħabba deċiżjonijiet li jieħu ħaddiehor. Pero’ ejjew nieqfu nirriflettu ftit fuq affarijiet żgħar li forsi jistgħu jgħinuna, anke jekk forsi almenu jġibulna tbissima fuq wiċċna u, għaliex le, forsi anke ngħinu lil ħaddiehor jitbissem.

Ftit ġranet ilu rajna eżempju kbir ta’ solidarjeta’ ma’ ħutna Għawdxin u Maltin permezz tal-Istrina. Urejna l-ġenerożita’ tagħna, bhal ma jiena ċerta li se nerġgħu nuru għada mad-Dar tal-Providenza. Imma m’hemmx għalfejn nistennew dawn il-ġranet sabiex inkunu nistgħu nuru l-ġenerożita’ tagħna. Matul dawn il-festi ltqajt ma’ ħafna nies, pero’ laqgħa minnhom hallietni imsammra. Familja, li huma stess għandhom bżonnijiet kbar, kienu qegħdin jgħiduli kemm jieħdu gost jaqsmu ma’ ħaddiehor mill-ftit li jkollhom. Min qed ibati jghin lil haddiehor! Dan l- eżempju ta’ dawl kbir ghas-socjeta` tal-lum li jispikka meta paragunat mar- regħba li qed teqred ħafna minn dak li jagħtina l-identita’ tagħna, valuri, prinċipji u l-ambjent, fost oħrajn.

Pero’ l-ġenerożita’ m’hijiex biss f’li tagħti l-flus. Jekk taf lil xi ħadd li għaddej minn żmien diffiċli, li għadu kemm temm relazzjoni, jew jinsab marid, jew tilef xogħlu, ibgħatilhom messaġġ ħalli tagħti s-sapport morali tiegħek. M’hemmx għalfejn tgħid ħafna kliem. Għal dik il-persuna, li tkun taf li inti ħsibt fiha, diġa’ jfisser ħafna. Tista’ anke ċċemplilhom sabiex tara kif inhuma. U jekk ħa tikkummenta b’xi mod fuq il-midja soċjali, aħsibha darbtejn qabel tikteb dak il-messaġġ. Agħżel kliemek sew għax min se jaqrah jista’ jiġi affettwat b’mod negattiv. Aħseb kif tista’ twettaq kritika kostruttiva, jekk verament għandek għalfejn tikteb xi ħaġa, ħalli almenu dik il-persuna titgħallem u tkun tista’ ttejjeb lilha nnifisha. Ikteb messaġġ t’inkoraġġiment minflok. Kemm-il darba niġġudikaw mingħajr lanqas biss inkunu nafu dik il-persuna minn xiex tkun għaddejja!

F’dan iż-żmien ta’ ħafna festi u kumpanija, hawn ħafna li jsofru s-solitudni. Int li forsi qed tħossok waħdek, jew tħoss li għandek bżonn l-għajnuna, fittixha u ċempel. M’hijiex djgħufija li tammetti li għandek problema ta’ saħħa mentali u li tfittex l-għajnuna qabel ma tmiss il-qiegħ. L-għajnuna qegħda hemm proprju sabiex tevita’ li tmiss il-qiegħ. U anke jekk inti lħaqt missejtu, hemm l-għajnuna għalik. Nhar il-Milied kien hemm ħafna nies li marru jagħtu servizz ta’ volontarjat fl-ikla organizzata mill-Caritas, mhux biex dawn ikollhom x’jieklu, iżda sabiex ikollhom il-kumpanija. Ejjew nippruvaw inkunu aktar sensittivi għal min hu madwarna u noffru tbissima lil kulħadd. Din waħedha hija riżoluzzjoni li tista’ twassal għal spirtu u kultura mġedda fis-soċjeta’ tagħna.  

Minn qalbi nawgura s-sena t-tajba lil kulħadd!

Share :
comments

post a comment

One Response

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *