Il-Partit Nazzjonalista jagħmel xogħol Robert Abela għas-saħħa tal-Maltin

Robert Abela qed jibqa’ jinsisti li jiddefendi lill-kriminali, anke wara li l-Qorti ddikkjarat li fil-bejgħ tal-isptarijiet qatt ma kien hemm intenzjoni ta’ investiment imma biss ta’ frodi. 

Għall-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista bil-fatti u bl-azzjoni mill-bidu ħadem biex jagħti s-saħħa lill-Maltin billi ġab lura l-isptarijiet, qed jibqa’ jinsisti biex iġib lura l-€400,000,000 u qed jaħdem biex niksbu lura r-reputazzjoni ta’ pajjiżna li dal-Gvern tappan tul dawn il-11-il sena.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-binja abbandunata tal-isptar San Luqa indirizzata mix-Shadow Ministers Adrian Delia u Ian Vassallo, flimkien mal-Kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norma Camilleri intqal li dak li Gvern Laburista biegħ bħala deal li kellu jagħmel is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna wieħed world class, iżda fir-realtà, issarraf biss f’serqa world class.

Robert Abela mhux talli m’aċċettax l-inkjesta Vitals, talli issa wara li ntemmet din it-tieni inkjesta b’rabta ma’ dan id-deal skandaluż, issa qed jerġa’ jieħu n-naħa tal-kriminali filwaqt li jipprova jwaħħal il-billboards dwar “is-saħħa lill-Maltin”.

Sadanittant, il-Maltin u l-Għawdxin baqgħu bla isptar ġdid f’Għawdex, bla refurbishment fl-isptar San Luqa, u b’ħofra ta’ €400,000,000 li kellhom imorru għas-saħħa tal-poplu.

Ġie mtenni li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li dawk il-flus jiġu lura għand il-Maltin u se jkompli jiddefendi lill-istituzzjonijiet u d-dritt li jitħallew jaħdmu.

Tfakkar ukoll li l-isptar San Luqa kellu jsir sptar modern li jkollu 400 sodda, imma minflok tħalla biss biex isir barumbara tal-ħamiem.

Dan filwaqt li sadattant, għandna l-pazjenti tagħna fil-librerija ta’ Mater Dei, f’dik li kienet il-canteen u anki fil-kurituri.

Kienet imfakkra wkoll il-wegħda tal-isptar għas-saħħa mentali li issa rriduċewha f’sala u l-wegħda ta’ outpatients unit ġdid.  Wegħda oħra li taret mar-riħ.

Minflok tejjeb is-saħħa tal-Maltin, Gvern Laburista rema s-saħħa tal-Maltin.

Illum għandna sptar li mhux ilaħħaq mad-domanda, pazjenti li jqattgħu 10 sigħat l-emerġenza, swali ffullati, u professjonisti li qed jinsabu bla nifs. Dan għax minflok ma investa fis-saħħa tal-Maltin, il-Labour investa fil-bwiet tal-ftit.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista stqarrew li servizz ta’ saħħa tajjeb ifisser kwalità ta’ ħajja aħjar u anke ekonomija aktar b’saħħitha. Għaldaqstant hu kruċjali li das-settur ikun b’saħħtu u effiċjenti.

Bħalissa għandna sitwazzjoni fejn pazjenti qed ikollhom operazzjonijiet imħassra fl-aħħar minuta minħabba nuqqas ta’ spazju u riżorsi umani. 

Qed naraw iffullar fl-Outpatients, dewmien esaġerat fl-emerġenza u saħansitra fit-triage tal-emerġenza fejn suppost il-ħin ta’ stennija ma jaqbiżx il-15-il minuta, hemm min qed jistenna sa 6 sigħat. 

Għandna pazjenti fil-“bunkers” u jinħaslu fil-fliskaturi u b’faċilitajiet mhux denji għalihom, bħal mobile toilets fi sptar li taħt Gvern Nazzjonalista kien state of the art. 

Fi 11-il sena, il-Gvern ma għamel kważi xejn biex itejjeb is-saħħa tal-Maltin, anzi wettaq l-oppost u biegħ is-saħħa tal-Maltin.

Il-Partit Nazzjonalista madankollu ma waqafx jaħdem biex is-saħħa tal-Maltin tkun issalvagwardjata, biex il-professjonisti jkollhom ambjent ta’ xogħol li jimmotivahom, biex il-pazjenti ikollhom is-servizz li jixirqilhom, u biex is-saħħa tkun verament hemm għall-Maltin.

Share :
comments

post a comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *