“Għażilt lill-PN għax nemmen li Għawdex u Malta jixirqilhom l-aħjar”

“Trabbejt f’pajjiż fejn l-għajta ‘Is-Sewwa Jirbaħ Żgur’ kienet tispira lil kull min jemmen fid-demokrazija fejn l-għajta ‘Xogħol, Ġustizzja, Libertà’ tat tama lill-pajjiż. U l-pajjiż ħareġ rebbieħ.


“Trabbejt u kbirt f’pajjiż fejn stajt ingawdi l-ambjent u kelli spazju fejn stajt nimraћ gћar-rikreazzjoni mal-familja u ћbieb. F’żgħożiti l-valuri u l-prinċipji kienu meqjusa bħala l-pilastri tas-socjetà minn dawk li kienu jmexxu l-pajjiż. Illum inħoss li pajjiżna reġa għandu bżonn dik l-għajta u l-valuri li mexxewh biex kważi għoxrin sena ilu dħalna fl-Unjoni Ewropea.


“Barra minhekk fl-2024 Malta se tkun fl-għoxrin sena ta’ vjaġġ mill-isbaħ bħala membru tal-Unjoni Ewropea. Jiena għażilt li nkun parti minn dan il-vjaġġ billi nkun ta’ servizz għal pajjiżi u nikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.


“Għażilt lill-Partit Nazzjonalista għax irrid l-aħjar għal Għawdex u Malta u għandi fiduċja sħiħa li bis-saħħa ta’ xulxin, pajjiżna se jerġa’ jikseb id-dinjità li tixraqlu.”


Din hi sensiela ta’ viżjonijiet mill-aktar ċari u diretti li għandha Norma Camilleri, Speech-Language Pathologist and Voice Coach, li se tkun waħda mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se jsiru f’Ġunju tas-sena d-dieħla.


Iltqajt ma’ Norma Camilleri fil-jiem li għaddew u tkellimna fit-tul dwar x’wassalha toħroġ għall-politika u sservi permezz tal-politika. Naturalment bdejt biex staqsejtha tgħidli aktar dwar min hi u l-background tagħha.


“Twelidt u trabbejt fix-Xagћra, Gћawdex u wara li temmejt l-istudji fl-Università ta’ Malta, ġejt ngћix Malta fejn ilni għal dawn l-aħħar tletin sena. Sfortunatament Malta tal-lum hija ħafna differenti mill-pajjiż ta’ tfuliti. Ta’ qabilna ħadmu bis-sħiħ biex jibnu soċjetà bażata fuq prinċipji u valuri sodi, iżda sfortunatament dawn intremew u ħadu posthom l-egoiżmu sfrenat u istituzzjonalizzat, skandli u korruzzjoni. Forsi hawn min jgħid li skandli u korruzzjoni ilhom jeżistu. Iva minn żmien Adam. Imma żgur li pajjiżna qatt ma ra skandli daqs illum,” fissret Norma Camilleri.


Hi kompliet li: “Dawn kienu uħud mir-raġunijiet għaliex, flimkien ma’ żewġi u binti ta’ ħmistax-il sena ddeċidejt li nagħmel dan il-pass u nidħol fid-dinja tal-politika. Ħassejt id-dmir li nagħti l-kontribut tiegħi biex nerġgħu nħallu l-ġustizzja tirrenja u li l-ġid ikun tassew komuni u mhux għal ftit li huma maħkuma bir-rebgħa għall-flus, mingħajr l-iċken ħsieb ta’ kif din ir-rebgħa ħa taffettwa lil ċittadini oħrajn.”
Hi żiedet li minn dejjem appoġġjat il-komunitajiet emarġinati, u temmen bis-sħiħ li l-aċċess universali għas-servizzi essenzjali, speċjalment tas-saħħa, huwa dritt bażiku. Id-dedikazzjoni tagħha għat-titjib tas-soċjetà hu evidenti permezz tal-involviment tagħha fuq bażi volontarja f’organizzazzjonijiet u entitajiet kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa, fejn hi l-President ta’ ESLA, European Speech and Language Therapy Association.


Hija tirrappreżenta s-setturi tas-saħħa, anzjani u pensjonanti u anke l-volontarji u organizzazzjonijiet volontarji f’żewġ kumitati separati. Kbirt f’raħal fejn is-sens ta’ komunità kien, u għadu, kbir ħafna. Li tagħti sehmek fil-komunità kienet xi ħaġa ovvja. Tal-inqas hekk rabbewni, specjalment missieri Lawrence (jew kif kienu jafuh in-nies, Wenzu ta’ Ġenezja) li ta sehem enormi fil-volontarjat fil-każin tal-banda, f’diversi għaqdiet volontarji oħra u speċjalment fl-aħħar tletin sena ta’ ħajtu fil-parroċċa tax-Xagħra. Għal ħafna snin kien imexxi l-Mid-Med Bank f’Għawdex, u ovvjament għax kien rett f’xogħlu kien intbagħat jaħdem Malta lejn nofs it-tmeninijiet.


“Għalhekk jien trabbejt b’sens, u anke dover, li fejn hemm il-bżonn inti għandek isservi, u min hu nieqes għandek tgħinu u xogħlok tagħmlu b’mod rett. Meta kont zgħira ma kellix idea ċara ta’ liema professjoni ridt insegwi la nikber.


“Għal xi żmien kont qed nikkunsidra karriera mużikali peress li kont nistudja l-pjanu u l-kant. Il-mamà Carmen, li missierha Nazzareno Refalo kien wieħed mill-pilastri tal-mużika liturġika f’Għawdex, kienet tinkoraġġini ħafna f’dan ir-rigward. Però dejjem xtaqt li l-professjoni tiegħi tkun marbuta ma’ vokazzjoni li ngħin lil ħaddiehor, partikolarment it-tfal.


“U din ix-xewqa wasslitni biex nagħzel il-professjoni ta’ Speech-Language Pathologist, magħrufa wkoll bħala Speech Therapist,” fissret Norma Camilleri.


Hi kompliet li: “Permezz tal-professjoni tiegħi sirt aktar konxja ta’ kemm hawn familji u individwi li kontinwament jgħixu f’diffikultà. Dawn id-diffikultajiet jistgħu jkunu marbuta mas-servizzi li wieħed ikollu bżonn u l-frekwenza tagħhom; sew jekk fis-sistema edukattiva, għax forsi din mhix qed tindirizza verament l-inklussività tat-tfal; u sew jekk fin-nuqqas t’opportunitajiet li jaffaċċja individwu bi problemi fil-komunikazzjoni meta jipprova jsib xogħol.”


Jeżistu diversi diżabbilitajiet moħbija li mhux qed jiġu rikonoxxuti u dijanjostikati b’tempiżmu tajjeb. Dan qed ikollu impatt fuq l-edukazzjoni li jirċievu t-tfal, u eventwalment anke fuq il-possibilitajiet li jkollhom fid-dinja tax-xogħol.


Il-qawwa tat-taħriġ vokazzjonali, u għalhekk l-impjiegi vokazzjonali u l-professjonijiet tal-kura tas-saħħa, jeħtieġ li jkunu enfasizzati u mogħtija l-importanza dovuta. Is-sodisfazzjon li wieħed iħoss meta jgħin lil xi ħadd jegħleb diffikultà tas-saħħa jew jittratta kundizzjoni tas-saħħa huwa uniku.

Norma Camilleri kompliet li dan huwa dak li jridu jħossu l-istudenti prospettivi. U dan huwa l-inċentiv li għandna nrawmu fl-istudenti kollha li jaspiraw għal kwalunkwe professjoni. U mhux nagħtuhom inċentivi temporanji li possibilment ma jsaħħux il-valuri tagħhom jew l-iżvilupp professjonali tagħhom.


Hawnhekk tkellimna dwar is-saħħa mentali u Norma Camilleri saħqet li din hija pedament tal-benesseri ġenerali. Nemmen li għandha tingħata prijorità li s-servizzi tas-saħħa mentali jkunu aċċessibbli, innaqqsu l-istigma u l-biżà li wieħed ifittex għajnuna, u nrawmu l-ftehim fuq dan il-qasam li jaffettwa lil kulħadd. Studju riċenti jurina li persuna minn kull erbgħa, f’pajjiżna, xi darba jew oħra tbati minn problemi ta’ saħħa mentali. Dan ifisser li jien u int xi darba jew oħra se nkunu f’kuntatt ma’ waħda minn dawn il-persuni, sakemm ma nkunux aħna stess li nesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali.


“Possibbli li ħa nibqgħu ma neħdux azzjoni? Il-mentalità tagħna hija affettwata minn dak kollu li huwa madwarna : l-ambjent li ngħixu fih, l-ispazju, l-istorbju, in-nies li ngħixu magħhom, il-post tax-xogħol u l-kuntentizza (jew nuqqas tagħha) li dan jista’ jġib miegħu, id-domanda tal-ħajja ta’ kuljum u ħafna fatturi oħra. Flimkien, nistgħu niżguraw li kull ċittadin ikollu l-appoġġ u r-riżorsi meħtieġa biex jikseb il-benesseri mentali u jgħix ħajja sodisfaċenti,” enfasizzat Norma Camilleri.


Fl-2024 Malta se tiċċelebra għoxrin sena bħala Membru tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjoni tal- Maltin li jissieħbu fl-Unjoni Ewropea kien avveniment importanti fl-istorja tagħna. Il-post ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea nkiseb bid-determinazzjoni ta’ Eddie Fenech Adami, Guido de Marco u t-tim tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ta’ dak iż-żmien.


“Dħalna fl-Unjoni Ewropea mhux għall-fini tal-fondi. Isseħibna fl-Unjoni Ewropeal-ewwel u qabel kollox biex nissalvagwardjaw id-demokrazija tagħna, u biex inkunu fuq l-istess mejda fejn inkunu nistgħu ninfluwenzaw deċiżjonijiet li jaffettwawna.


“Il-populiżmu, li jisfrutta l-biżà tan-nies meta ffaċċjati minn bidla u sfidi, ilu jgħolli rasu f’Malta u fl-Unjoni Ewropea. Ma nistgħux nieħdu l-libertà, id-dinjità u l-prosperità fiċ-ċert. Irridu niġġieldu għalihom il-ħin kollu. Il-libertà ma tistax tiġi salvagwardjata jekk il-populiżmu li jisfrutta l-biżgħat tan-nies ma jiġix miġġieled fl-egħruq tiegħu, u jiġu msaħħa d-demokrazija u l-istat tad-dritt,” issoktat Norma Camilleri.
“Il-prosperità tagħna bħala nazzjon hija marbuta b’mod kumpless mal-aspirazzjonijiet u t-tamiet taż-żgħażagħ u t-tfal tagħna, li għandhom jiġu moqdija minn kunċett t’edukazzjoni li jgħinhom irawmu t-talenti u l-abbilitajiet tagħhom bis-sħiħ. Ma jistax ikollna pajjiż fejn iż-żgħażagħ m’humiex affaxxinati bih u qegħdin ifittxu li jitilqu. Iż-żgħażagħ jixxennqu, jaspiraw u joħolmu. Il-pajjiż irid jintona ruħu mal-aspirazzjonijiet tagħhom għax huma l-futur!


“Irridu nassiguraw irwieħna li lit-tfal u liż-żgħażagħ nedukawhom għall-ħajja u li dawn jitrawmu jaħsbu b’mod kritiku, jikkomunikaw u jikkollaboraw ma’ ħaddiehor. U mhumiex proprju dawn l-abbilitajiet, li, fost l-oħrajn, iwasslu għal soċjetà b’saħħitha?”


Tkellimna wkoll dwar is-settur tal-isports li Norma Camilleri ddeskrivietu bħala li huwa ikel importanti, mhux biss għall-fiżiku tagħna iżda anke għas-saħħa mentali. Għandna biżżejjed spazji biex nipprattikaw xi tip ta’ sports? Qed nagħtuh l-importanza neċessarja fl-edukazzjoni tat-tfal tagħna? Jew qed niffukaw biss fuq is-suġġetti li jridu jagħmlu l-eżamijiet tagħhom? Meta tkun tipprattika sports fuq barra, bhal ġiri u għawm (li nħobb immens u nipprattika b’mod regolari), tirrealizza aktar u aktar kemm l-infrastruttura tagħna ma tgħinx biex wieħed ikun imħeġġeġ jagħmel l-eżerċizzju fiżiku fil-beraħ.


Norma Camilleri kompliet li ħafna siti barranin jiddeskrivu lil Malta u Għawdex bħala ġojjell fil-Mediterran. Jekk se nibqgħu għaddejjin bir-rata ta’ suppost ‘żvilupp’ f’Malta u Għawdex, mhux talli se nitilfu d-definizzjoni ta’ ġojjell, iżda talli l-veru żvilupp mhux se jseħħ. L-iżvilupp iħaddan fih żvilupp totali tal-komunitajiet li jgħixu fil-post u mhux sempliċiment bini. Aktar bini ma jfissirx aktar żvilupp. Il-kliem “żvilupp sostenibbli” saru fost l-aktar kliem abbużati, mhux biss f’Malta jew f’Għawdex, imma anke fuq livell internazzjonali. It-tibdil fil-klima jagħmilha aktar urġenti biex fil-gżejjer tagħna jkollna aktar spazji b’kanupej ta’ siġar (u mhux sempliċement siġra ’l hawn u ’l hinn). Huwa kanupew ta’ siġar li joħloq il-frisk meta t-temperaturi jitilgħu.


“Inutli li jiġu ppreżentati u mnedija strateġiji għall-iżvilupp t’Għawdex jekk mhux se jinbidlu l-politiki tal-ippjanar li qegħdin jagħmlu tant ħsara lill-ambjent u lill-patrimonju urban u naturali. Il-Gvern issa jrid ibiddel il-Pjani Lokali t’Għawdex u Kemmuna ħalli jkun jista’ jsalva lill-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien.
“Il-Gvern imissu jieħu dan l-ispunt u jbiddel il-pjani lokali fit-totalità tagħhom għall-benefiċċju tal-ġid komuni, u mhux isir it-tibdil bil-biċċiet.


“Huwa inaċċettabbli li f’Għawdex saret drawwa li meta tkun ġejja xi elezzjoni nies fis-settur privat jirċievu telefonata biex imorru jaħdmu mal-Gvern. Dan mhuwiex il-mod kif Għawdex jiżviluppa ruħu, iżda huwa mod kif Għawdex jibqa’ lura. Is-settur privat mhuwiex qiegħed hemm biex jagħmilha ta’ forċina lill-Gvern u fl-istess nifs jittieħdulu r-reffiegħa,” qalet Norma Camilleri.


Hi kompliet li l-politika fiskali li tiġi deċiża mill-Gvern għandha impatt kbir fuq it-tessut soċjali t’Għawdex u l-ħarsien tal-ambjent urban u naturali tiegħu. Xi skop hemm għal ċertu miżuri fiskali dwar il-propjetà f’Għawdex, jekk l-effett tagħhom m’huwiex immirat b’mod inċiżiv u esklussiv għall-iżvilupp veru u fit-tul t’Għawdex?


“Irridu nisimgħu t-tħassib tan-nies u naġixxu fuqhom, u mhux nisfruttawhom u nużawhom b’mod sfaċċat għall-gwadann tal-voti. Il-pajjiż huwa fuq kull partit, fejn il-poplu huwa sovran. L-elettur, jiġifieri ċ-ċittadin, għandu il-poter f’idejh. Jien inħeġġeġ lill-poplu biex ma jibżax jiġġieled għall-ġustizzja u għall-verità.”
“Ma nistax ma nsellimx lil Daphne Caruana Galizia li ħallset b’ħajjitha għall-ġlieda għall-verità u waħedha ġabet bidla fil-pajjiż. Ma nistgħux inkomplu nittolleraw in-nuqqas ta’ deċiżjonijiet biex jiġu aġevolati l-ftit, li mbagħad dan iwassal għal traġedji bħal ta’ Miriam Pace u Jean Paul Sofia,” qalet Norma Camilleri.
Fl-2024 Malta se tkun fl-għoxrin sena ta’ vjaġġ mill-isbaħ bħala membru tal-Unjoni Ewropea. Jiena għażilt li nkun parti minn dan il-vjaġġ billi nkun ta’ servizz għal pajjiżi u nikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.


Għażilt lill-Partit Nazzjonalista għax irrid l-aħjar għal Għawdex u Malta u għandi fiduċja sħiħa li bis-saħħa ta’ xulxin, pajjiżna se jerġa’ jikseb id-dinjità li tixraqlu, temmet Norma Camilleri.

Share :
comments

post a comment