Għawdex qed jibki

Il-faqar tal-politika li l-Gvern Laburista għandu għal Għawdex iġiegħel lil kull Malti u Għawdxi jibki. Jibki fuq kollox għall-istat li jinsab illum fih Għawdex kif ukoll jibki għax m’hemmx pjan ħolistiku minn dan il-Gvern biex jindirizza l-bżonnijiet ta’ Għawdex u tal-Għawdxin. Hi ħasra li t-turiżmu intern naqas u għalkemm xorta l-Maltin għadhom ifittxu lill-gżira ta’ Għawdex, żgur li kulħadd jaqbel li gżiritna m’għadiex li kienet. Illum Għawdex inbidel. Dan hu l-aktar il-każ meta l-vjaġġ lejn Għawdex jinzerta jibda bil-vapur li dan il-Gvern kera. Vapur qadim, xejn adattat għal persuni bi problemi ta’ mobilità u li jeħodna passi ta’ ġgant lura minflok ’il quddiem. Inutli l-karba tal-poplu u tal-imsieħba soċjali biex dan il-vapur jinbidel mill-aktar fis. Il-Gvern ta’ Robert Abela ma jridx ibiddlu u jrid dejjem aktar iwebbes rasu u issa mhux mal-Oppożizzjoni biss, iżda qed jimpika wkoll mal-Għawdxin. Jannar li għadda qalulna li għandhom bżonn sa Diċembru biex ifasslu strateġija għal Gozo Channel. Nittamaw li x’ħin nisimgħu b’din l-istrateġija ftit jiem oħra, jekk hija lesta, din tinkludi vapur ġdid fl-immedjat.

Żvilupp bla rażan ibikki lill-Għawdxin

Lil hinn mit-tisħiħ tal-konnettività li dan il-Gvern abbanduna u injora x’qed jgħidu l-Għawdxin, il-Gvern Laburista rnexxielu jbikki lill-Għawdxin bi ħruġ ta’ permessi bl-addoċċ li qed ikerrħu mhux biss il-villaġġi u l-irħula sbieħ li konna mdorrija bihom, iżda wkoll ħruġ ta’ permessi lil tal-qalba li qed jikkawżaw sfreġju kbir lill-ambjent. Il-kritika li qed issir lil Malta bil-konkos li qed jiddomina t-toroq Maltin, qed issir ukoll fir-rigward ta’ Għawdex. Dak li qed iseħħ hu aktar ta’ sinifikat f’din il-gżira żgħira minħabba l-fatt li ħafna mill-villaġġi kienu għadhom intatti u llum qegħdin jinħakmu u jinbelgħu mill-iżvilupp bla rażan u goff, u aktar minn hekk, li jistona ħdejn it-trankwillità li kienet tgawdi l-gżira Għawdxija.

Dan l-iżvilupp sfrenat qiegħed isir meta l-Gvern u l-Ministeru għal Għawdex abbanduna l-istat tat-toroq li llum kulħadd qed igerger dwarhom minħabba li tħallew għal riħhom, fi stat ħażin u bla fondi. Hu tassew ħasra li l-Gvern mhux iħalli f’idejn il-kunsilli lokali biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-irħula u l-villaġġi, bil-Gvern jibqa’ ma jagħmel xejn u jinjora l-bżonnijiet kbar fl-infrastruttura ta’ dawn il-villaġġi.

L-istess jista’ jingħad għas-setturi tas-servizzi tas-saħħa u tal-ġustizzja. Il-Gvern, għalkemm din hi t-tielet leġiżlatura tiegħu, ma ħax bis-serjetà l-bżonnijiet tas-saħħa tal-Għawdxin. Għawdex tħalla mhux biss bil-popolazzjoni tiżdied, iżda wkoll bla sptar adattat u ġdid minkejja li wegħdu lil Għawdxin kemm-il darba, waqt li qed jikbru dejjem aktar il-bżonniiet mediċi tal-Għawdxin. Il-qasam tal-ġustizzja wkoll tħalla jibki minn dan il-Gvern. B’dispjaċir ukoll insostnu li għadha ma nstabet l-ebda soluzzjoni għall-problema tan-nuqqas ta’ spazju fil-bini tal-Qorti. Dan apparti li ma nstabet l-ebda soluzzjoni għan-nuqqas ta’ aċċessibbiltà għall-anzjani u persuni b’diżabbiltà. Minkejja d-diversi proposti għal sit alternattiv għall-bini tal-Qorti f’Għawdex, u anke nħarġu permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar bi spiża kbira għall-pubbliku, ebda proposta qatt ma ġiet imwettqa.

L-Għawdxin diżgustati

Il-verità hi li l-Għawdxin illum huma diżgustati b’dan il-Gvern li tant wiegħed, u m’għamel xejn. L-interess tal-Ministru għal Għawdex illum nafu x’inhu. Żgur li mhux tal-Għawdxin meta nqabad fil-fatt jgħatti lil Ministru sieħbu biex il-mara ddaħħal €70,000 fis-sena għal xogħol li ma tagħmilx. Kien f’waqtu l-intervent li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt id-dabattitu parlamentari dwar il-vot fil-baġit għal Għawdex fejn iddeskriva lill-Għawdxin bħala diżappuntati għall-imġieba u n-negliġenza tal-Gvern Laburista fir-rigward ta’ Għawdex.

Dil-gżira prezzjuża tagħna jistħoqqilha ħafna iktar. Jistħoqqilha rispett. Jistħoqqilha li l-ambjent u l-karattru uniku tagħha jiġu ppreservati u mhux meqruda. Fuq kollox, l-Għawdxin jistħoqqilhom li jinstemgħu u li l-bżonnijiet tagħhom jiġu ndirizzati bis-serjetà. Gvern ġdid immexxi mill-Partit Nazzjonalista jista’ jiżgura dan.

Share :
comments

post a comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *