“Għandna ninvestu aktar fis-settur tas-saħħa dan sabiex il-poplu jingħata l-aqwa kura possibli sabiex ikollu kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-Gvern jeħtieġ li jinvesti flus il-poplu b’mod għaqli.”
Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt round table orgnizzat mill-MNPN dwar l-importanza li jkun hawn aktar għarfien fuq il-kanċer tas-sider.
F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar l-importanza li jsiru diskussjonijiet bħal dawn.
Bernard Grech aċċenna li l-Gvern għandu jonfoq il-flus tal-poplu b’mod għaqli dan filwaqt li huwa l-obbligu ta’ kull politiku li jonfoq il-flus għal bżonnijiet tal-poplu.
Minn naħa tagħha mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista AnnMarie Grech qalet li għandha tkompli l-ħidma sabiex dak kollu li nitgħallmu naqsmuh ma ħaddieħor. Hija rrakkuntat ukoll meta propju ommha għaddiet mill-battalja tal-kanċer tas-sider; esperjenza li baqgħet ittimbrata f’moħħha.
Minn naħa tiegħu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Stephen Spiteri aċċenna li l-pazjent għandu jingħata l-aħjar kura possibbli sabiex jaffaċċja inqas ostakkli. Dan sabiex waqt il-kura l-pazjent jesperjenza l-aqwa kwalità tal-ħajja possibbli.
Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Claudette Buttigieg tkellmet fuq l-importanza tal-NGOs dan għaliex jikkontribwixxu ħafna għar-riċerka. Dan filwaqt li qalet lil dawk in-nisa preżenti li kienu ferm kuraġġużi li tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom li żgur ma kinitx faċli għalihom.
Minn naħa tagħha f’kummenti ma’ Net News, il-President tal-MNPN Marie Claire Zammit tkellmet fuq l-importanza li jsiru diskussjonijiet bħal dawn kif ukoll li nqajmu aktar għarfien dwar kif wieħed jista’ jiċċekja għas-sintomi tal-kanċer tas-sider.
Apparti minn hekk, waqt din ir-roundtable tkellmu diversi professjonisti u fost l-oħrajn tkellmu dwar id-diversi trattamenti li hemm għall-kanċer tas-sider.
Il-professjonisti semmew ukoll li għalkemm huwa importanti li jkun hawn aktar għarfien dwar il-kanċer tas-sider huwa ferm aktar importanti li wieħed ikun jaf kif għandu jiċċekja sabiex jara jekk ikollhomx xi sintomu.
Barra minn hekk, waqt din ir-roundtable tkellmet ukoll persuna li kellha l-kanċer tas-sider u l-problemi li affaċċjat meta kienet qed tirċievi l-kura.
Preżenti għal din ir-roundtable mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll martu AnnMarie Grech, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, is-Segretarju tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino kif ukoll id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Bernice Bonello, Graziella Galea, Paula Mifsud Bonnici kif ukoll Graziella Attard Previ.