L-liġijiet għandhom jinħolqu wara konsultazzjoni serja

Il-liġijiet dejjem għandhom isiru wara li jkun hemm konsultazzjoni serja u mhux b’attiudni ta’ “ejja ħa neħilsu”.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul laqgħa li delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista mmexxija minnu kellha mat-tmexxija ta’ Koperattivi Malta bħala parti mil-laqgħat li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel bi tħejjija għall-Budget 2024.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar l-impenn ta’ Koperattivi Malta u qal li kienet strumentali biex tfasslet il-liġi dwar il-koperattivi, li għadha fis-seħħ sal-lum il-ġurnata. Tenna li l-Partit Nazzjonalista hu determinat li, għax jemmen fil-mudell tal-koperattivi, se jkompli jinsisti li dan is-settur jibqa’ jsib postu fuq l-aġenda nazzjonali għax jemmen bis-sħiħ li dawn għandhom sehem x’joffru fil-viżjoni ekonomika ta’ pajjiżna.

Min-naħa tagħhom, il-membri fit-tmexxija ta’ Koperattivi Malta ppreżentaw il-proposti tagħhom għall-Budget, filwaqt li spjegaw kif it-tfassil tal-liġi fir-rigward tal-koperattivi għandha ssir wara konsultazzjoni komprensiva biex ikollha viżjoni għall-futur.

Huma qalu li l-koperattivi qegħdin kontinwament jevolvu u għalhekk, hu importanti li din il-liġi tkun imfassla fuq konsultazzjoni estensiva. Spjegaw kif il-liġi għanda tipprovdi spjegazzjoni ċara ta’ kif negozju mibni fuq struttura ta’ kumpanija jkun jista’ jagħmel tranżizzjoni għal struttura ta’ koperattiva, bi spjegazzjoni ċara ta’ x’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jiddistingwu l-koperattivi.

Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mid-Deputati Robert Cutajar u Toni Bezzina, kif ukoll mill-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Norma Camilleri

Share :
comments

post a comment